Partiti rreġistrati
Lista ta' Partiti Politiċi Ewropej irreġistrati
Id-dokumenti li ġejjin jinkludu l-ismijiet u l-istatuti tal-Partiti Politiċi Ewropej irreġistrati kollha, flimkien mad-dokumenti ppreżentati bħala parti mill-applikazzjonijiet tagħhom għar-reġistrazzjoni.
Jekk jogħġbok ara hawn għar-riżultati tal-aħħar elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.
"Il-PPE huwa l-familja politika taċ-ċentru u ċ-ċentru lemin fl-Ewropa. Aħna npoġġu lill-bniedem fiċ-ċentru tal-konvinzjonijiet tagħna. L-azzjonijiet tagħna huma bbażati fuq il-prinċipji tal-ġustizzja u l-ġid komuni, is-solidarjetà u r-responsabbiltà. Niddefendu Unjoni Ewropea b'saħħitha bbażata fuq id-demokrazija pluralista, l-ekonomija tas-suq soċjali u s-sostenibbiltà ambjentali. "
"Il-Partit tas-Soċjalisti Ewropej ilaqqa' l-partiti soċjalisti, soċjaldemokratiċi, laburisti u demokratiċi tal-Unjoni Ewropea, tar-Renju Unit u tan-Norveġja. Flimkien mal-partiti assoċjati u osservaturi tagħna, nippromwovu l-valuri komuni tagħna ta' ekwità soċjali, ugwaljanza, u benesseri soċjetali u niġġieldu għal Ewropa progressista, ġusta, libera u sostenibbli."
"Aħna magħqudin bil-valuri ċentru lemin tagħna. Il-Partit ECR jippromwovi l-libertà individwali, is-sovranità nazzjonali, id-demokrazija parlamentari, il-proprjetà privata, il-gvern limitat, il-kummerċ ħieles, il-valuri tal-familja u d-devoluzzjoni tal-poter. Dawn il-valuri jirfdu l-politika tagħna, inkluża l-viżjoni tagħna għal Unjoni Ewropea riformata."
"Il-qofol tal-viżjoni liberali tagħna jinsab f'kontinent ħieles, demokratiku, intraprenditorjali, sostenibbli u magħqud li huwa miftuħ għad-dinja. Il-valuri Ewropej huma valuri Liberali. Dan il-Manifest huwa l-wegħda tagħna li nħarsu l-valuri fundamentali fost forzi antiliberali dejjem jiżdiedu, li nsaħħu Ewropa minn ta' quddiem fid-dinja u prospera, u li nibnu Ewropa aktar liberali għal kulħadd."
"Il-Partit Demokratiku Ewropew (EDP) ilaqqa' flimkien partiti politiċi u MPE li jridu Unjoni li tkun eqreb taċ-ċittadini tagħha. Aħna moviment politiku transnazzjonali impenjat li nibnu demokrazija Ewropea bbażata fuq il-valuri kondiviżi tal-paċi, il-libertà, is-solidarjetà u l-edukazzjoni, filwaqt li naffermaw b'mod kburi l-kultura tiegħu fid-dinja ta' għada."
"Il-Partit tal-Ħodor Ewropej jirrappreżenta u jaġixxi għal trasformazzjoni politika, soċjali u ekonomika bbażata fuq il-valuri tar-responsabbiltà ambjentali, il-ġustizzja soċjali, l-inklużjoni, id-diversità u l-paċi. Flimkien mal-partiti membri tagħna, aħna nirrakkomandaw politiki u azzjonijiet li jiġġieldu l-isfida tat-tibdil fil-klima u l-inugwaljanzi soċjali li qed jikbru, filwaqt li ninvestu fil-bini ta' Ewropa aktar ekoloġika, aktar sikura u responsabbli li ma tħalli lil ħadd jaqa' lura."
"L-Alleanza Ħielsa Ewropea (EFA) tippromwovi d-dritt għall-awtodeterminazzjoni demokratika u tappoġġa l-aspirazzjonijiet tal-popli li jagħżlu l-futur politiku tagħhom stess, inklużi l-indipendenza, awtonomija akbar jew ir-rikonoxximent lingwistiku u kulturali għall-minoranzi. L-EFA timmira għal unità Ewropea fid-diversità bbażata fuq il-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-ġustizzja soċjali."
"Aħna ngħaqqdu l-partiti demokratiċi tax-Xellug alternattivi u progressisti fil-kontinent Ewropew li jistinkaw biex jiksbu t-trasformazzjoni konsistenti tar-relazzjonijiet soċjali tal-lum f'soċjetà paċifika u soċjalment ġusta bbażata fuq id-diversità tas-sitwazzjonijiet, l-istorja u l-valuri komuni tagħna. Għal aktar tagħrif żur https://www.european-left.org/manifesto/"
"Il-Moviment Politiku Kristjan Ewropew (ECPM) huwa l-uniku partit politiku Ewropew li jippromwovi espliċitament il-valuri Kristjani fil-politika Ewropea. Il-punti fokali tagħna fil-livell politiku huma: id-dinjità umana; il-familji f'saħħithom; l-ekonomija għas-servizz tan-nies u tal-pjaneta; il-libertà, is-sigurtà u l-istabbiltà; il-ġlieda kontra l-iskjavitù moderna; ir-riforma tal-UE; is-salvagwardja tal-kultura u tal-wirt Kristjani."
"L-Alleanza tax-Xellug Ewropew għall-Popli u għall-Pjaneta tgħaqqad partiti femministi tax-xellug ħodor sabiex tibni Ewropa oħra ta’ kooperazzjoni, progress soċjali, drittijiet tal-ħaddiema, paċi, solidarjetà, ugwaljanza u ġustizzja klimatika. Aħna niddefendu alternattiva għall-kapitaliżmu u impenjati lejn futur sostenibbli u inklużiv għal kulħadd."
"Il-partit ESN huwa impenjat li jippreserva Ewropa ta’ Stati nazzjon sovrani. Aħna konvinti li l-prosperità tagħna tiddependi mill-kummerċ ħieles fl-Ewropa u mill-moviment liberu tal-merkanzija u tal-persuni. Irridu nipproteġu l-familja tradizzjonali u nippreservaw l-identità u s-sovranità Ewropej tagħna."
Dikjarazzjoni ta' ċaħda ta' responsabbiltà
Is-sommarji tal-programmi politiċi pprovduti hawnhekk huma abbozzati mill-partiti politiċi Ewropej għal skopijiet ta' informazzjoni biss. Il-programm politiku uffiċjali huwa dak li jinsab fl-istatut tal-partit rispettiv skont l-Artikolu 4(1)(c) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014. L-Awtorità għall-Partiti Politiċi Ewropej u l-Fondazzjonijiet Politiċi Ewropej mhijiex responsabbli għall-kontenut tal-programmi politiċi tal-partiti politiċi Ewropej.
Reġistru ta' partiti politiċi Ewropej
Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 u l-Artikolu 3 tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/2401, l-Awtorità tamministra Reġistru tal-partiti politiċi Ewropej u tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej u toħroġ estratti standard. Persuni fiżiċi u ġuridiċi jistgħu jitolbu estratti standard mir-Reġistru billi jikkuntattjaw l-indirizz tal-posta elettronika hawn taħt u jimlew formola ta' talba sempliċi (illinkjata hawn taħt). Estratti standard jiġu pprovduti fi żmien 10 ijiem tax-xogħol minn meta tasal it-talba.
L-Awtorità tista' tipprovdi wkoll ċertifikazzjoni tal-informazzjoni li tinsab fl-estratti standard lill-istituzzjonijiet u lill-korpi tal-Unjoni, lill-awtoritajiet u lill-qrati tal-Istati Membri, kif ukoll lil persuna fiżika jew ġuridika, fejn dan ikun meħtieġ għal proċeduri legali jew amministrattivi u wara li jkun ġew ippreżentati talbiet motivati kif xieraq. Biex tikseb ċertifikazzjoni, jekk jogħġbok segwi l-istess proċedura stabbilita hawn fuq rigward estratti standard u imla formola ta' talba motivata (illinkjata hawn taħt). Il-proċess ta' ċertifikazzjoni jista' jieħu aktar minn 10 ijiem ta' xogħol, skont in-natura tat-talba.