Donazzjonijiet u kontribuzzjonijiet

Abbażi tal-esperjenza fl-applikazzjoni prattika tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 (ir-"Regolament") matul dawn l-aħħar snin, l-Awtorità għall-Partiti Politiċi Ewropej u l-Fondazzjonijiet Politiċi Ewropej (l-"Awtorità") tagħmel ħilitha biex tipprovdi aċċess għal sett ta' elementi ta' gwida mhux eżawrjenti għall-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej. L-ebda gwida pprovduta mill-Awtorità ma taffettwa l-karattru direttament vinkolanti tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014. Barra minn hekk, tali gwida se tibqa' soġġetta għall-adattament hi hu tkompli tinbena l-esperjenza u/jew ikompli jinbidel il-qafas leġiżlattiv.


Forom ta' donazzjonijiet u kontribuzzjonijiet

  • Skont l-Artikolu 2(7) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014, id-definizzjoni ta' "donazzjoni" tinkludi mhux biss pagamenti diretti fi flus iżda wkoll pagamenti indiretti permezz ta' "kwalunkwe tranżazzjoni oħra li tikkostitwixxi vantaġġ ekonomiku għall-partit politiku Ewropew, bl-eċċezzjoni ta' kontribuzzjonijiet mill-membri". Dan jista' jinkludi tranżazzjonijiet bejn partijiet terzi li jeħilsu lil partit politiku Ewropew jew lil fondazzjoni politika Ewropea minn pagamenti li altrimenti kienu jiġu pprovduti mill-partit politiku Ewropew jew mill-fondazzjoni politika Ewropea.
  • Rati ta' skont: F'konformità mal-Artikolu 2(7) u (8) tar-Regolament, il-forniment ta' oġġetti, servizzi (inkluż self) jew xogħlijiet bi prezz taħt il-valur tas-suq jikkostitwixxi donazzjoni jew, jekk ipprovdut minn membru rikonoxxut mir-Regolament bħala tali kontribuzzjoni. Jekk u sa fejn dan ikun il-każ, japplikaw ir-regoli ta' notifika u limitazzjoni relatati ma' donazzjonijiet u kontribuzzjonijiet, kif stabbiliti b'mod partikolari fl-Artikolu 20 tar-Regolament.

  • Madankollu, mhux l-iskontijiet kollha jikkostitwixxu donazzjonijiet jew kontribuzzjonijiet skont it-tifsira tar-Regolament: f'dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġu vvalutati l-firxa u l-ambitu tal-iskont. B'mod aktar speċifiku, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-forniment ta' oġġetti, servizzi u xogħlijiet bi prezz skontat għandux jiġi kkwalifikat bħala donazzjoni jew kontribuzzjoni, għandu jiġi kkunsidrat:

    • jekk l-iskont jibbenefikax lill-partit politiku Ewropew jew lill-fondazzjoni politika Ewropea b'mod speċifiku, jew li jagħtihom vantaġġ aktar minn oħrajn (li jkun indikattiv ta' donazzjoni jew kontribuzzjoni), għall-kuntrarju ta' benefiċċju bl-istess mod għal grupp ta' klijenti potenzjali definiti minn qabel abbażi ta' kriterji oġġettivi (pereżempju, skont mogħti lill-"NGOs" kollha) u, fi kwalunkwe każ,

    • jekk l-iskont jikkuntrastax mal-prinċipji tas-suq rikonoxxuti b'mod ġenerali (pereżempju, il-forniment ta' oġġett jew servizz taħt il-kost) (li jkun indikattiv ta' donazzjoni jew kontribuzzjoni).

Donatur effettiv

  • Fil-valutazzjoni tal-legalità tad-donazzjonijiet fl-ambitu tal-Artikolu 20 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014, l-Awtorità jeħtieġ li tivverifika u tiddetermina l-identità eżatta tad-donatur f'każ li jkunu involuti aktar minn persuna jew entità waħda fl-għoti ta' tali donazzjoni.

  • Dan jista' jkun il-każ, pereżempju, f'sitwazzjoni fejn entità legali waħda fi grupp ta' kumpaniji tkun f'kuntatt dirett mal-partit politiku Ewropew jew mal-fondazzjoni politika Ewropea dwar id-donazzjoni, filwaqt li entità oħra fl-istess grupp ta' kumpaniji fl-aħħar mill-aħħar twettaq il-pagament rilevanti.

  • F'sitwazzjoni bħal din, l-Awtorità se tibbaża ruħha fuq il-kunċett tad-"donatur effettiv", jiġifieri tivvaluta l-oriġini effettiva tal-pagament fi ħdan il-grupp ta' kumpaniji kkonċernati. F'dan il-kuntest, l-Awtorità se tqis, fost oħrajn, il-fatturi segwenti:

    • Liema entità kienet direttament involuta fil-ħolqien tal-bażi ġuridika għall-pagament (eż. innegozjat il-ftehim ta' sponsorizzazzjoni)?

    • Din l-entità kellha d-dritt teżerċita d-diskrezzjoni tagħha rigward il-kontenut tal-ftehim u l-modalitajiet ta' pagament?

    • X'kienu r-rwol u r-responsabbiltà tal-entità l-oħra involuta? Aġixxiet biss ta' fornitur ta' servizzi ta' pagament jew kellha rwol ta' responsabbiltà fil-ftehim sottostanti?
  • Fi kwalunkwe każ, l-ebda persuna jew entità involuta fil-proċess ta' donazzjoni (sew jekk oriġinatur sew jekk pagatur) ma tista' tkun f'sitwazzjoni pprojbita mill-Artikolu 20(5) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014.

Oriġini tad-donazzjonijiet - "Iklaħħaq id-donatur tiegħek"

  • Pagamenti mhux tal-UE: Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea ċċarat li l-partiti stabbiliti barra mill-UE ma jistgħux jitqiesu bħala partiti politiċi fis-sens tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 minħabba li mhumiex magħmula minn ċittadini tal-Unjoni (Sentenza tal-25 ta' Novembru 2020, ACRE vs Il-Parlament, il-kawża T-107/19), u għalhekk ma jistgħux jagħmlu kontribuzzjonijiet lill-partiti politiċi Ewropej. Fl-Artikolu 20 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 hemm stabbilita projbizzjoni ta' donazzjonijiet riċevuti mingħand awtoritajiet pubbliċi, entitajiet privati jew mingħand individwi minn pajjiż terz.
  • Biex tiġi impedita l-aċċettazzjoni involontarja ta' pagamenti, b'mod partikolari minn

    • awtoritajiet pubbliċi u entitajiet li fuqhom tali awtorità pubblika tista' teżerċita influwenza dominanti (ipprojbita mill-Artikolu 20(5)(c) tar-Regolament u soġġetti għal sanzjoni f'każ ta' ksur), jew

    • sorsi ta' pajjiżi terzi (ipprojbiti mill-Artikolu 20(5)(d) tar-Regolament u soġġetti għal sanzjoni f'każ ta' ksur), partiti politiċi Ewropej u fondazzjonijiet politiċi Ewropej huma mħeġġa, qabel jaċċettaw donazzjoni, jiksbu informazzjoni affidabbli u preċiża dwar id-donatur tagħhom, inkluż b'mod partikolari
    • dwar il-pajjiż ta' residenza jew is-sede, u
    • fil-każ ta' entitajiet ġuridiċi, anki minn min huma kkontrollati dawn l-entitajiet (pereżempju permezz tad-dokumenti kostituttivi, l-istatuti, eċċ.).
  • Tali informazzjoni għandha tkun riflessa fil-mudell korrispondenti ta' rappurtar tal-Awtorità u, f'każ ta' donazzjonijiet li jaqbżu t-EUR 12 000, fir-rappurtar immedjat.

Donazzjonijiet – attribuzzjoni

  • Donazzjonijiet irrappurtati lill-Awtorità fis-sens tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 u riċevuti mill-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej fis-sena N+1, jistgħu jiġu attribwiti minn dawn tal-aħħar għas-sena N biss f'ċirkostanzi speċifiċi ħafna.
  • Sabiex tali attribuzzjoni għas-sena N tiġi aċċettata mill-Awtorità, il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej jeħtiġilhom jipprovdu dokumentazzjoni li turi li d-donatur kien diġà impenja ruħu qabel is-sena N+1 li se jħallas id-donazzjoni inkwistjoni, u li kien hemm ftehim infurzabbli li d-donazzjoni se titħallas fis-sena N.
  • Tali dokumentazzjoni trid tintbagħat lill-Awtorità diġà fis-sena N, anke jekk il-pagament mid-donatur ikun għadu ma seħħx, eż. ftehim ta' donazzjoni jew kwalunkwe arranġament kuntrattwali sottostanti, impenn unilaterali, ordni ta' pagament, komunikazzjoni f'dan is-sens, pereżempju permezz ta' ittra u/jew email, fattura eċċ.

Donazzjonijiet uniċi

  • F'konformità mal-Artikolu 20(4) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014, il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej għandhom jirrappurtaw immedjatament lill-Awtorità d-"donazzjonijiet uniċi" li jaqbżu t-EUR 12 000.

  • L-Awtorità se tivvaluta abbażi ta' każ b'każ jekk anki diversi pagamenti minn donatur uniku jikkwalifikawx bħala "donazzjoni unika".

    • Dan jista' jkun il-każ, b'mod partikolari, meta jkun hemm ftehim preliminari mad-donatur, speċifikament għal donazzjoni unika, iżda l-pagament inqasam f'diversi partijiet.

    • Fil-każ ta' pagamenti spontanji separati mill-istess donatur, l-Awtorità normalment ma tqisx lil dawn il-pagamenti bħala "donazzjoni unika" li tirrikjedi notifika immedjata meta l-ammonti akkumulati jaqbżu t-EUR 12 000 (mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti ta' rappurtar regolari matul il-proċess tal-kontijiet annwali).

Obbligi ta’ rappurtar ta’ qabel l-elezzjoni

  • L-Artikolu 20(3) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 jipprevedi li "[...] donazzjonijiet riċevuti minn partiti politiċi Ewropej u minn fondazzjonijiet politiċi Ewropej fi żmien sitt xhur qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew għandhom, kull ġimgħa, ikunu rrappurtati bil-miktub lill-Awtorità, u skont il-paragrafu 2".

    • Dan ir-rekwiżit ta' rappurtar aġġornat jippermetti lill-Awtorità twettaq kontrolli ta' konformità għaddejja fid-dawl tal-limitazzjonijiet imposti fuq id-donazzjonijiet mill-Artikolu 20 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014, u biex kontinwament tiġi aġġornata l-pubblikazzjoni tad-donazzjonjiet f'konformità mal-Artikolu 32 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014.
    • Perjodu rilevanti: L-elezzjonijiet tal-2024 tal-Parlament Ewropew se jsiru bejn is-6 u d-9 ta' Ġunju 2024. Dan ifisser li l-perjodu ta' sitt xhur stabbilit fl-Artikolu 20(3) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 se jibda mis-6 ta' Diċembru 2023 u jibqa' għaddej sal-5 ta' Ġunju 2024, inkluż dik id-data.
  • Implikazzjonijiet prattiċi: Ir-rappurtar aġġornat matul il-perjodu msemmi hawn fuq jikkonsisti mir-rekwiżit, applikabbli kemm għall-partiti politiċi Ewropej kif ukoll għall-fondazzjonijiet politiċi Ewropej, li jikkomunikaw lill-Awtorità, kull ġimgħa, id-donazzjonijiet kollha li rċevew, irrispettivament min-natura u l-valur tagħhom.

    • "Donazzjonijiet"; ir-rekwiżit ta' rappurtar aġġornat japplika għad-donazzjonijiet kollha, mhux biss għal dawk li jaqbżu t-EUR 12 000. Fid-dawl tad-definizzjoni wiesgħa li tinsab fl-Artikolu 2(7) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014, l-Awtorità ġentilment tfakkar li ppubblikat fuq is-sit web tagħha elementi speċifiċi ta' gwida fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni tat-terminu donazzjonijiet (ara hawn fuq).
    • "Riċevuti": Fil-perjodu ta' żmien indikat hawn fuq, id-donazzjonijiet riċevuti jeħtieġ li jiġu rrappurtati lill-Awtorità kull ġimgħa. Konsegwentement, il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej jeħtieġ li jinfurmaw lill-Awtorità, irrispettivament minn jekk dawk id-donazzjonijiet jiġux irritornati aktar tard lill-oriġinatur bis-saħħa tal-Artikolu 20(6) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014. Jekk jogħġbok innota li dan ir-rappurtar bikri ma jaffettwax ir-rekwiżit komplementari li l-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej jivverifikaw u jirritornaw fuq inizjattiva tagħhom stess donazzjoni li l-aċċettazzjoni tagħha ma tkunx konformi mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014, fil-limitu ta' żmien ta' 30 jum impost mill-Artikolu 20(6) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014. Jekk id-donazzjonijiet jiġu rritornati aktar tard lill-oriġinatur, l-Awtorità għandha tiġi infurmata b'dan addizzjonalment, sabiex tkun tista' titqies din l-informazzjoni għall-kontrolli tal-konformità tagħha u l-korrezzjoni tal-pubblikazzjonijiet fuq is-sit web tal-Awtorità.
    • "Kull ġimgħa": Sabiex jiġi limitat il-piż amministrattiv fuq il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej, l-Awtorità se tassumi li partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea ma jkunu rċevew l-ebda donazzjoni f'ġimgħa partikolari jekk l-Awtorità ma tirċievi l-ebda komunikazzjoni f'dan ir-rigward sal-ewwel jum tax-xogħol tal-ġimgħa ta' wara. Dan ma jeskludix il-possibbiltà ta' verifika.
  • Ksur tal-Artikolu 20(3) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 minħabba nuqqas ta' rappurtar f'waqtu tad-donazzjonijiet huma sanzjonabbli skont l-Artikolu 27(2)(a)(iii) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014, soġġetti għall-Artikolu 29 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014.